Jien informat li l-arranġament li ntlaħaq bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra huwa li s-seduta tiġi trażmessa live mill-Public Broadcasting Services (PBS). Kull stazzjon tat-televiżjoni jew internet service provider jingħata clean feed mill-PBS minn meta l-Ispeaker jieħu l-ġurament l-permess li tiġbed ritratti u filmati minn ġewwa l-Kamra waqt il-ġurament tal-Ispeaker, sakemm l-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta itemm id-diskors tiegħu. Il-media kollha għandha
u d-DOI se jkun qed jiġbed ir-ritratti waqt li l-Onor. Membri jieħdu l-ġurament. Il-media se jkollha wkoll l-opportunità li tiġbed ritratti u filmati mad-dħul tal-President ta’ Malta fil-Kamra u fil-bidu tad-diskors tal-Eċċellenza Tiegħu. Issa l-Kamra se tgħaddi għall-elezzjoni tal-Ispeaker. Il-Prim Ministru. Nipproponi lil Dr Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Min jissekonda? Nissekonda. Hawn rimarki? Il-Kap tal-Oppożizzjoni. Nixtieq nagħmel rimarka,
jekk jogħġbok, u nindirizza lill-Kamra. Kien ikun aħjar li kieku fl-ewwel lok kien ikun hemm konsultazzjoni dwar din il-ħatra però in ogni caso, anke per consistenza, din in-naħa tal-Kamra se tkun qed tivvota le minħabba nuqqas ta’ imparzjalità li, fl-opinjoni tagħna, saret fil-leġiżlatura li għaddiet fil-konfront tagħna min-naħa ta’ Dr Anġlu Farrugia. Madanakollu jien nifhem li xorta waħda se jkun qed jiġi elett u allura nawguralu wkoll li f’din il-leġiżlatura jkun qiegħed
iwettaq dmiru skont il-Kostituzzjoni u jkun imparzjali kif titlob il-Kostituzzjoni. Nirringrazzjak. Aktar rimarki? Il-Prim Ministru. Huwa inkredibbli u surreali li fl-ewwel intervent tiegħu f’din il-leġiżlatura l-Kap tal-Oppożizzjoni jakkuża istituzzjoni b’nuqqas ta’ imparzjalità. Fl-ewwel intervent! Però nislet
it-tieni osservazzjoni. Mhux talli jidher b’mod ċar li ma nbidel xejn fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni talli għall-ħabib tiegħi l-Kap tal-Oppożizzjoni l-id tal-ħbiberija tfisser li tgħaddi tiegħu fuq kollox u li l-mandat b’saħħtu li ta l-poplu lil din in-naħa biex tmexxi jiġi mwarrab għalkollox. L-attitudni li wriet l-Oppożizzjoni llum turi kif id-deċiżjoni tal-poplu tas-26 ta’ Marzu, 2022 għaliha ma tfisser xejn. L-istess
ifisser il-kompromess għall-Kap tal-Oppożizzjoni. Għalih il-kompromess ifisser li jew tgħaddi tiegħu jew iħassar. Nittama li din ma tkunx l-attitudni li se tieħu l-Oppożizzjoni. Imma jkolli ngħid li l-bidu ma jawgurax tajjeb. Għandna ħatra Kostituzzjonali importanti li ilna sena u nofs biex naqblu dwarha proprju minħabba din it-tip ta’ attitudni li jew tgħaddi tiegħi jew ma nikkoperawx. Jien nerġa’ nestendi l-id
tal-ħbiberija lin-naħa l-oħra. Qed nirreferi għall-kariga ta’ Ombudsman li ilha skaduta sa minn Marzu 2021. Sal-lum għadna b’dik il-kariga li teknikament mhijiex vakanti imma qiegħda fis-seħħ bis-saħħa tal-liġi. Għandna wkoll it-tieni kariga, dik ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li għalkemm id-dispożizzjoni mhijiex entrenched u ma toħroġx mill-Kostituzzjoni, xorta
waħda nixtieq li naslu fi qbil. B’differenza għal dak li titkellem dwaru l-Oppożizzjoni aħna se nuru bil-fatti llum kif noħorġu l-id tal-ħbiberija u kif fuq kollox nimplimentawha. Aħna diġà urejna l-intenzjoni tagħna dwar il-kariga ta’ Deputy Speaker. Meta avviċinatna l-Oppożizzjoni aħna mill-ewwel għedna li naqblu li l-kariga ta’ Deputy Speaker tkun okkupata minn Membru tal-Oppożizzjoni u morna pass iżjed minn
hekk. Mhux biss qbilna dwar il-prinċipju mal-Oppożizzjoni imma qbilna wkoll dwar in-nominat min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu meta ressaq l-isem tal-Onor. David Agius. Aħna mill-ewwel issenjalajna l-intenzjoni tagħna li niddeċiedu li nivvotaw favur kif se nkunu qegħdin nagħmlu llum. Sur President, lil hinn mill-kontroversja, kif għadu mhuwiex maħtur il-President, ejja naqblu fuq punt wieħed. In-naħa l-oħra qalet li kien hemm nuqqas
ta’ imparzjalità mill-Ispeaker. Ma naqbel xejn ma’ dik l-asserzjoni għaliex kien hemm episodji fl-aħħar leġiżlatura fejn l-Ispeaker iddeċieda favur din in-naħa u oħrajn fejn iddeċieda kontra. Kien hemm episodji fejn id-Deputy Speaker, li kienet ukoll ġejja min-naħa tal-Oppożizzjoni, tat Rulings li fil-fehma tagħna kienu kontroversjali fil-konfront ta’ din
in-naħa u aħna dejjem baxxejna rasna u irrispettajniehom. Hekk beħsiebna nagħmlu għax din in-naħa, meta tgħid li tirrispetta verament lill-istituzzjonijiet, ma tgħidx hekk bil-kelma biss imma tgħid hekk bil-fatti. Nemmen ukoll li Dr Anġlu Farrugia huwa meritevoli li jkompli f’din il-kariga għaliex fl-aħħar leġiżlatura wera li kellu dedikazzjoni sħiħa lejn din il-kariga bis-sensiela ta’ riformi li għamel. Għamel riformi importanti
u fosthom insemmi dik tal-awtonomija amministrattiva. Għalhekk se nkunu qegħdin nivvotaw bil-qalb favur il-ħatra tiegħu bħala Speaker ta’ din il-Kamra bl-istess mod li se nkunu qegħdin nivvotaw bil-qalb favur il-ħatra tal-Onor. David Agius bħala Deputy Speaker ta’ din il-Kamra. Nirringrazzjak. Nirringrazzjakom. Aktar rimarki? Il-mistoqsija hija l-elezzjoni ta’ Dr
Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Dawk favur? Dawk kontra? Carried. Jien, Anġlu Farrugia, solennement naħlef li nkun tassew fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. Hekk Alla jgħinni. Nirringrazzjak Onorevoli Prim Ministru għall-Mozzjoni u nirringrazzja lill-Membri li ħadu sehem f’dan l-eżerċizzju parlamentari
biex jien niġi elett Speaker skont il-Kostituzzjoni. Inwiegħed li l-kariga tiegħi, li hija kariga Kostituzzjonali li titlob li jien immexxi skont l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u d-deċiżjonijiet li dejjem kienu meħuda biex nimxu mal-proċedura tal-Parlament, naqdiha skont l-abbiltajiet tiegħi u skont il-kuxjenza tiegħi. Nitlob lil Alla jgħinni bħalma dejjem għamel. Nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi, illum neqsin, għall-valuri li tawni; valuri ta’ korrettezza,
valuri ta’ ġustizzja u valuri oħrajn li dejjem għożżejt. Nirringrazzja lil marti li qed naraha faċċata, li flimkien dejjem għożżejna dawn il-valuri. Nirringrazzjakom u nitlob il-kollaborazzjoni tagħkom kollha. Fejn nista’ nkun ta’ għajnuna ovvjament se ssibuni hemmhekk speċjalment il-Membri Parlamentari li għadhom kif ġew eletti għall-ewwel darba. Jien
parir wieħed nagħti. Mhux se nagħti pariri lil dawk li ilhom hawnhekk għax dawk jafu x’għandhom jagħmlu imma lill-Membri Parlamentari ġodda nagħtihom parir li jagħmlu x-xogħol tagħhom bla biża’ u minkejja li jagħmlu l-argument tagħhom qatt ma jattakkaw lill-persuna għaliex b’hekk ma jaslu mkien. Huwa importanti li żżommu dawn il-valuri. Jien inwiegħed li se nkompli x-xogħol u riformi oħrajn li
hemm bżonn nagħmlu. Baqa’ riformi xi jsiru biex dan il-Parlament ikompli miexi ’l quddiem kif fil-fatt ġara għax fost il-parlamenti nazzjonali kollha tal-Ewropa, Malta issa hija kategorizzata fost ta’ quddiem f’dik li hija trasparenza u effiċjenza. Nirringrazzjakom. Sur President, nipproponi lill-Onor. David Agius bħala Deputy Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Min jissekonda? Nissekonda. Hawn rimarki? Il-mistoqsija hija li l-Onor. David Agius ikun
maħtur Deputy Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. L-Onor. David Agius. Grazzi, Sur President. Grazzi, Onor. Prim Ministru u l-Membri kollha tal-Gvern. Grazzi, Onor. Kap tal-Oppożizzjoni u l-Membri kollha tal-Oppożizzjoni. Grazzi wkoll lill-familja tiegħi; lill-mara tiegħi li qiegħda hawnhekk ukoll, lit-tfal tiegħi, lil ommi, lil missieri
u lil oħti. Dan huwa mument sabiħ ħafna fil-karriera politika tiegħi u nwegħedkom li dak li tgħallimt f’dawn il-ħames leġiżlaturi se nipprova nużah mill-aħjar li nista’ biex verament din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż iżżomm l-isem għoli tagħha fejn kulħadd jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna ħalli nimxu ’l quddiem verament. Grazzi mill-qalb. Nirringrazzjak. Nistieden issa lill-Onor. Membri biex jieħdu l-ġurament ta’ lealtà. Nibda
mill-Prim Ministru. L-Onorevoli: The Honourable: PERMESS TAL-KAMRA ll-Prim Ministru. Sur President, nitlob
il-permess tal-Kamra biex inressaq mozzjoni ta’ co-option mingħajr avviż. Hawn permess? Sur President, nipproponi: Billi hu meħtieġ li jimtela l-post battal fid-Disa’ Distrett Elettorali bir-riżenja tal-Onorevoli Clifton Grima; u Billi dan il-post għandu jimtela skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 22 tar-Regolamenti tal-1991 dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali fit-Taqsima III tat-Tlettax-il Skeda tal-Att
dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, Kap. 354; Il-Kamra tirriżolvi li Dr Randolph De Battista jiġi magħżul biex jimla l-imsemmi post battal fid-Disa’ Distrett Elettorali tal-Kamra tad-Deputati. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mill-Prim Ministru. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Ngħaddu issa għal Tqegħid ta’ Karti u
nsejjaħ lill-Prim Ministru. Sur President, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra: Proklama Nru I tal-2022 datata l-20 ta’ Frar 2022 li xoljiet it-Tlettax-il Parlament; Proklama Nru III tal-2022 datata 27 ta’ April 2022 li laqqgħet l-Erbatax-il Parlament; Ir-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu, 2022; Ir-riżultat tal-Elezzjoni Każwali tas-7 ta’ April, 2022; Ir-riżultat tal-Elezzjoni Każwali tat-12 ta’ April, 2022; Dikjarazzjoni tar-Riżultat tal-votazzjoni maħruġa
mill-Kummissjoni Elettorali dwar il-mili ta’ postijiet addizzjonali ta’ Membri Parlamentari skont id-dispożizzjonijiet ta’ Artiklu 52(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta; u Dikjarazzjoni tar-Riżultat tal-votazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali dwar il-mili ta’ postijiet addizzjonali ta’ Membri Parlamentari skont id-dispożizzjonijiet ta’
Artiklu 52A(1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Sur President, ngħarraf lill-Kamra li minn hawn u ftit ieħor il-President ta’ Malta se jiddikjara f’din il-Kamra r-raġunijiet li għalihom ġie mlaqqa’ dan il-Parlament. Is-seduta se tiġi sospiża għal ftit minuti sakemm jien immur fl-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u nakkumpanja lill-Eċċellenza Tiegħu sa
din il-Kamra. Meta mbagħad il-President itemm id-diskors tiegħu, il-Kamra se terġa’ tiġi sospiża għal ftit ieħor sakemm jien nerġa’ nakkumpanja lill-President lura lejn l-uffiċċju
tiegħu. L-E.T. DR GEORGE VELLA (President ta’ Malta): Sur President, Onorevoli Membri tal-Kamra tad-Deputati, qabel naqra d-diskors u nelenka r-raġunijiet għaliex qiegħda titlaqqa’ din il-Kamra, inħoss li huwa xieraq li l-ewwel u qabel kollox nifraħ lil kull wieħed u waħda minnkom eletti mill-poplu: Il-Prim Ministru, Kap tal-Oppożizzjoni, sal-iktar
membru ġdid li hawn f’din il-Kamra. Nawguralkom li mhux biss taħdmu minn hawn għall-ġid ta’ pajjiżna imma li tagħmlu dan billi tħaddmu l-arti u x-xjenza tal-politika b’mod li dejjem tgħollu r-rispett kemm bejnietkom kif ukoll mill-poplu li fdalkom f’idejkom din ir-responsabilità. Nifirħilkom u nawguralkom. Irrid nifraħ ukoll lill-Onorevoli
Speaker għall-ħatra tiegħu. Onorevoli Speaker, Onorevoli Membri tal-Kamra tad-Deputati u mistednin distinti, il-bidu dejjem iġib miegħu arja friska, entużjażmu, enerġija ġdida u ħolm għal li ġej. Dan se jkun l-ispirtu tat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’din il-leġiżlatura ġdida. Jidher b’mod ċar li l-poplu Malti u Għawdxi għadu u jrid jibqa’ ottimist. Jemmen fil-futur sabiħ ta’ dan il-pajjiż u mhu se jħalli xejn li jaqtagħlu qalbu. Qed niftħu leġiżlatura parlamentari ġdida wara ħames snin
li raw lil dan il-pajjiż jikseb aktar suċċessi f’bosta oqsma. Dawk ekonomiċi, soċjali u tad-drittijiet ċivili fost oħrajn. Iżda ma rridux ninsew lanqas li dan il-pajjiż kellu wkoll jgħaddi minn mumenti ta’ sfida. Il-pandemija kienet fuq quddiem nett ta’ dawn l-isfidi iżda mhux biss. Storikament pajjiżna dejjem kellu tmur lura għal kif nafuha. Fl-aħħar jiem tneħħew kważi għalkollox ir-restrizzjonijiet li l-ħila li jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet u dan irid ikun il-mod li bih
nibqgħu naħdmu għas-snin li ġejjin. Dan il-Parlament qed jerġa’ jibda jiltaqa’ f’mument fejn ninsabu mexjin lejn normalità sħiħa, fejn il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin qed kellna marbuta mal-pandemija u dan ta nifs kbir lil ħafna. Min-negozji, sal-familji, iż-żgħażagħ u fuq kollox it-tfal li ma jistgħux u m’għandhomx jitilfu aktar minn dan iż-żmien tat-tfulija tagħhom. Dan ma jfissirx li ma nibqgħux nieħdu
ħsieb is-saħħa tagħna u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna. Iżda, filwaqt li l-awtoritajiet se jibqgħu jipprovdu dak kollu li huwa meħtieġ, irridu nkunu responsabbli tagħna nfusna u naraw liema deċiżjonijiet għandna nieħdu bħala individwi. Fl-istess ħin li dħalna għal din il-fażi ġdida, mhuma jonqsu xejn il-pressjonijiet li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna. Qabelxejn irridu nirriaffermaw li dan huwa attakk li
bħala bnedmin ma nistgħux ma nikkundannawx. Din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, f’din l-ewwel laqgħa tagħha wara l-elezzjoni ġenerali, trid tibgħat sinjal qawwi li dak li qed isir mhuwiex aċċettabbli imma huwa kundanabbli u għandu jitwaqqaf mill-aktar fis. Għax l-uniku triq aċċettabbli hija dik tad-djalogu. Pajjiżna huwa wieħed newtrali. Iżda n-newtralità ma tfissirx li għandek tagħlaq għajnejk quddiem l-inġustizzji u għemil
li hu wieħed ta’ min jistmerru. Huwa għalhekk li Malta implimentat numru ta’ sanzjonijiet maqbula fil-fora tal-Unjoni Ewropea u se tkompli tieħu sehem attiv fil-fora fejn jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet. Tajna u se nibqgħu nagħtu għajnuna umanitarja biex ngħinu lill-komunità Ukrena, ċittadini li spiċċaw jaraw l-agħar quddiem għajnejhom u jbatu l-agħar konsegwenzi tal-gwerra. Gwerra ma ġġib xejn li huwa tajjeb jew ta’ ġid għan-nies. Smajna u għadna nisimgħu rakkonti ta’ ħruxija liema bħalha
minn Ukreni li lqajna fostna hekk kif faqqgħet din il-gwerra. Episodji li jwasslu għall-qirda, mewt, kefrija u t-telf ta’ darhom u dak kollu li jkunu bnew f’ħajjithom. Aħna li tant qegħdin ’il bogħod, ukoll inħossu l-effetti ta’ din il-gwerra. Immaġinaw xi jħossu dawk li qegħdin f’nofsha. Il-pressjonijiet lokali huma primarjament marbuta ma’ effetti ekonomiċi. Iżda tajjeb naraw minn fejn qed nitilqu. Għandna ekonomija li qed tirkupra b’mod b’saħħtu mill-effetti tal-pandemija. Is-sena li
għaddiet pajjiżna ħoloq ġid aktar minn kemm konna noħolqu qabel il-pandemija. Dan meta fil-bqija tal-Unjoni Ewropea l-ġid nazzjonali għadu taħt dak li kien fl-2019. Pajjiżi Mediterranji oħra, ġirien tagħna, fadlilhom tal-anqas sena oħra biex jilħqu l-istat li diġà wasalna fih aħna s-sena li għaddiet. Għalhekk il-pandemija kkonfermat li għandna ekonomija mill-aktar reżiljenti u li għandha l-potenzjal li tkompli ġġib riżultati
pożittivi li jinħassu miċ-ċittadini f’kull kategorija tad-dħul. Iżda s-suċċess ma jiġix mix-xejn. Dak li għaddej madwar id-dinja jagħmilha iktar importanti li fl-ebda ħin ma nitilqu għajnejna minn fuq l-immaniġġar effettiv tal-ekonomija tagħna. Il-gwerra qed iġġib sfida fuq il-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali bħall-enerġija, l-ikel u l-ġarr tal-merkanzija. Il-Gvern mhux biss konxju ta’ dawn l-isfidi iżda jinsab għaddej kontinwament b’diskussjonijiet u b’azzjonijiet
kontinwi bil-għan li jilqa’ għall-impatt fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Kif għamel tul il-pandemija, il-Gvern se jassigura li jkun ta’ spalla għan-nies u għan-negozji. Huwa fl-iktar mumenti diffiċli li l-iktar irridu nkunu man-nies. Żgur li m’għandniex naqtgħu qalbna. M’hemmx dubju li fis-snin li għaddew pajjiżna ra bidliet mhux żgħar, b’rata ta’ tkabbir ekonomiku li wasslet sabiex pajjiżna seta’ jinvesti fi
proġetti ta’ fejda u titjib fil-livell ta’ għajxien tan-nies. Tkabbir ekonomiku li wassal għal tnaqqis wara ieħor fin-numru ta’ nies mingħajr impjieg – għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna. Is-suċċess ta’ din il-formola ekonomika tibqa’ tiddependi dejjem minn kemm it-tmexxija tal-pajjiż se tassigura li dan il-ġid jinħass
u jasal għand dawk l-aktar li għandhom bżonn fis-soċjetà. Huwa għalhekk li prijorità ewlenija se tibqa’ li t-taxxa fuq id-dħul se tkompli tonqos, fejn se ntejbu ċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni filwaqt li nnaqqsu l-ammont ta’ dħul li titħallas taxxa fuqu. Dawn iridu jkunu bidliet li jagħmlu l-aktar differenza għal dawk li jaqilgħu l-inqas. Irridu nagħrfu l-irwol tal-intrapriża bħala mutur tal-ħolqien tal-ġid. L-isfida li għandna quddiemna hija s-sostenibbiltà, fejn in-negozji jkollhom sehem attiv fi
proġetti li jtejbu l-livell ta’ għajxien ġenerali tal-Maltin u l-Għawdxin. It-tnaqqis tat-taxxa lin-negozju għandu jwassal għal qalba lejn operat aktar sostenibbli, għall-ħolqien ta’ xogħol aktar produttiv u għal investiment akbar fir-riċerka u l-innovazzjoni. Hekk ukoll l-iskemi ppjanati għan-negozji sabiex jagħmlu l-aqwa użu mill-profitti li jiġġeneraw. Fl-inizjattivi diversi li se jittieħdu biex niġġeneraw aktar attività ekonomika, se naraw li l-inċentivi li
jingħataw lin-negozji Għawdxin ikunu 10% ogħla. Dan filwaqt li rridu niffaċilitaw l-aċċess għal servizzi bankarji kif ukoll għall-finanzjament. Fl-istess ħin se nibqgħu nsaħħu l-istandards bħala pajjiż biex wara r-rapport pożittiv tal-Moneyval, nibqgħu naħdmu biex nimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet maqbula mal-Financial Action Task Force, li diġà ħadet nota tal-iżvilupp pożittiv li
għamel pajjiżna. Irridu nkomplu nsaħħu l-kredibbiltà ta’ pajjiżna anke biex intejbu l-irwol importanti li għandna fil-fora internazzjonali, fejn irridu nipparteċipaw b’mod proattiv anke billi nisfruttaw il-potenzjal strateġiku li għandna bħala gżira f’nofs il-Mediterran. Hawn irridu nibqgħu nservu bħala sors ta’ djalogu u promotur ta’ paċi, b’mod partikolari fir-reġjun fejn nibqgħu naqdu l-irwol ta’ interlokutur bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
Irridu nisfruttaw ukoll id-diplomazija ekonomika u d-diplomazija kulturali li wkoll iridu jkunu sors ta’ ġid għall-poplu tagħna. Fuq kollox, bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, se nibqgħu nkunu proattivi fit-tfassil tal-politika u leġiżlazzjoni Ewropea fid-diversi oqsma ta’ kompetenza tal-istess Unjoni. Dan biex ninfluwenzaw b’mod pożittiv dan il-proċess bil-għan li
d-deċiżjonijiet meħuda jikkonsidraw ir-realtajiet ta’ pajjiżi bħal tagħna. It-titjib kbir li sar fl-oqsma tal-governanza fl-aħħar sentejn, anke grazzi għar-riformi li kienu approvati biż-żewġ terzi ta’ din il-Kamra, issa jrid isir parti mill-kultura tagħna. Fejn, filwaqt li nifhmu li ebda pajjiż, settur jew individwu mhu perfett, naħdmu kemm nifilħu biex Malta tkun fuq quddiem nett tad-demokraziji moderni, b’sistemi b’saħħithom ta’ saltna
tad-dritt. Saltna tad-dritt li issa trid tara r-riformi meħtieġa biex ikollna proċessi ta’ ġustizzja iktar moderni u fl-iqsar żmien possibbli. Għax l-amministrazzjoni ta’ ġustizzja effettiva għandha tkun prinċipju mill-iktar bażiku fid-dinja tal-lum. Żidna u se nibqgħu nżidu r-riformi, iżda bħal f’setturi oħrajn irridu li s-sistema tal-ġustizzja u min iħaddimha jkunu orjentati wkoll b’mod li jifhmu aktar ir-realtajiet ta’ dawk li
jkollhom quddiemhom. Il-ġustizzja hija għamja imma trid tkun sensibbli u sensittiva għar-realtajiet soċjali li qed jiżviluppaw. Il-governanza hija wkoll element kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna u biex inkunu iktar attraenti għall-investiment li għadu u se jibqa’ ġej f’oqsma tradizzjonali u oħrajn ġodda. Element importanti fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun l-użu tal-fondi Ewropej. Il-pakkett sostanzjali li rnexxielna ninnegozjaw irridu nużawh
bl-aħjar mod possibbli ħalli nwettqu bidliet essenzjali. Dan jinkludi kemm il-qalba diġitali kif ukoll id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Għawdex, fejn se niggarantixxu li nallokaw minn tal-anqas 10% tal-fondi Ewropej kollha, se jkun il-post fejn intellqu fost l-aktar proġetti ambjentali ambizzjużi tant li nimmiraw li din il-gżira tkun l-ewwel parti tal-pajjiż li ssir climate neutral. Fl-istess ħin kommessi li t-tkabbir ekonomiku
f’Għawdex jibqa’ jkun aqwa minn dak ta’ Malta. Filwaqt li dawn it-trasformazzjonijiet ambjentali u diġitali huma sfidi sostanzjali, għandhom il-potenzjal li jkunu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi li qatt kellna f’din il-ġenerazzjoni. Il-pandemija diġà wrietna l-importanza tal-ekonomija diġitali, li kompliet għaddejja qisu mhu xejn waqt li setturi oħrajn staġnaw u ma setgħux joperaw. Huwa kruċjali li ninvestu bil-kbir biex pajjiżna jsir leader
f’dawn is-setturi ġodda. Dan se jirrikjedi qabża ’l quddiem fil-ħiliet u innovazzjoni fis-sistema edukattiva tagħna. Id-diġitalizzazzjoni trid tkun b’saħħitha bil-kbir fis-settur pubbliku li jrid jara li din tkun għodda biex nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin u biex tonqos il-burokrazija li għadha xxekkel wisq il-ħidma li jrid jagħmel l-investitur f’dinja
kompetittiva fejn il-ħin u l-effiċjenza huma mill-iktar prezzjużi. Dan l-impenn tal-Gvern se joħroġ ċar mill-aspett strateġiku, bl-istrateġija diġitali nazzjonali li se tiġi mnedija fiż-żmien li ġej. L-impenn tal-Gvern joħroġ ċar ukoll permezz tal-investimenti li saru u qed isiru, kemm b’fondi nazzjonali kif ukoll b’fondi Ewropej. Fil-fatt, mill-fondi tal-Unjoni Ewropea tar-Recovery and Resilience Facility, parti kbira minnhom kienu proprju ddedikati lill-aspett
diġitali. Sintendi, dan kollu jġib fuqna aktar responsabbiltajiet. Responsabbiltajiet li ninvestu iktar fir-riżorsi umani, li nsaħħu l-istrutturi diġitali u li nipproteġu s-sigurtà tal-informazzjoni diġitali tagħna. Dan ma jfissirx li f’ħidmietna se ninjoraw oqsma tradizzjonali. Fit-turiżmu rridu nimplimentaw l-istrateġija li teħodna sas-sena 2030 u li tarana nkomplu nagħmlu suċċess minn dan il-pilastru ekonomiku li kien fost l-iktar li batew fl-aħħar sentejn.
Irridu niskopru mill-ġdid is-suċċess li kellna fl-aħħar snin iżda naħsbu dwar metodi ġodda ħalli nirriġeneraw is-settur mill-ġdid. Kif tgħid l-istrateġija nnifisha: Recover. Rethink. Revitalise. Il-ħidma tal-pajjiż f’dan is-settur se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-kwalità, is-sostenibbiltà, l-esperjenza turistika, l-effiċjenza fil-konnettività, l-immaniġġjar fl-iżvilupp tal-akkomodazzjoni, l-isfidi marbutin mar-riżorsa umana, il-branding, id-diġitalizzazzjoni
u, b’mod sinifikanti, l-inklużjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Dan sostnut ukoll b’titjib fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer. Fl-iqsar żmien irridu nattiraw il-volumi meħtieġa biex l-attività turistika terġa’ tinġieb għal-livelli aċċettabbli f’termini ta’ operat u profittabbiltà. Madanakollu, waqt l-irkupru se naraw li jinbeda proċess ta’ ħsieb bil-għan li l-kwalità tal-prodott turistiku tagħna tissaħħaħ u s-settur jimraħ lejn orizzonti ġodda għall-għaxar snin
li ġejjin u wara. It-tema tal-kwalità tal-ħajja saret tema dominanti fid-diskorsi li jsiru fl-isfera politika u anke lil hinn minnha. Filwaqt li dejjem huwa importanti li jitħares l-għajxien materjali taċ-ċittadini, speċjalment dawk fil-faxex tad-dħul baxx, huwa għaqli li d-diskussjoni pubblika qed tiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u dawk kollha li jgħixu fil-gżejjer tagħna. Din se tkun riflessa
wkoll fil-ħidma tal-Gvern. Il-kwalità tal-ħajja hija s-saħħa tagħna, kemm fiżika u anke dik mentali, l-ambjent li ngħixu fih, il-kondizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol tagħna, il-ħin ta’ kwalità li jibqgħalna mal-familja, id-djar tagħna, il-komunitajiet fejn ngħixu, is-sigurtà u, fuq kollox, kemm qed ngħixu ħajja trankwilla u fil-paċi. Fl-istorja ta’ dawn il-gżejjer, in-nies li għexu f’din il-gżira dejjem għarfu li jgħixu flimkien u
jtejbu l-futur tagħhom. Għax għarfu li dan il-pajjiż huwa żgħir wisq biex nagħtu l-ġenb il-kompromess u l-bilanċ biex ngħixu flimkien u nkunu komunità li tħares l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minnha. Wasal iż-żmien għalhekk, li minbarra li nitkellmu fuq statistika u numri, ikollna wkoll indikaturi dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li dan il-kejl ikun konsiderazzjoni ewlenija oħra f’kull proġett
jew inizjattiva tal-amministrazzjoni pubblika u l-Gvern. Irridu nibdew minna nfusna, kull wieħed u waħda minna, u l-irwol li naqdu aħna lkoll fis-soċjetà tagħna – il-ħaddiema, dawk li ma jaħdmux biex jindokraw lill-familja, dawk li ma jistgħux jaħdmu għax iduru b’qarib tagħhom, dawk li jaħdmu għal rashom, dawk li huma fin-negozju, dawk li huma membri f’dan il-Parlament u l-Eżekuttiv u magħhom
kull min għandu kwalunkwe sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet li għandu dan il-pajjiż. L-obbligu tagħna kollha huwa li nissalvagwardaw b’kull mezz possibbli l-interessi tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, mhux biss ta’ dawk li għadhom iridu jitwieldu iżda ta’ dawk iċ-ċkejknin fostna li għadhom jibdew id-dinja u jixirqilhom l-aqwa kura u attenzjoni li trid toffri s-soċjetà tagħna. L-ambjent huwa oġġettiv prinċipali fil-ħidma ta’ din l-Amministrazzjoni.
Wasal iż-żmien li l-enfasi li amministrazzjonijiet preċedenti taw lill-infrastruttura tal-pajjiż issa tingħata bl-istess prijorità lill-proġetti ambjentali li jeħtieġ dan il-pajjiż. Mhuwiex biżżejjed li nħarsu l-ambjent naturali li għandu pajjiżna. Dan huwa obbligu li għandhom dawk kollha
f’entitajiet pubbliċi li bid-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jaffettwaw l-istat tal-ambjent naturali Malti. Hemm bżonn inkunu innovattivi meta niġu biex ikollna spazji pubbliċi u miftuħa ġodda f’żoni urbani u nippjanaw aktar bi ħsieb sabiex nissalvagwardaw il-karatteristiċi uniċi tal-irħula u l-ibliet tagħna, parti importanti mill-identità tagħna u l-wiċċ tan-nazzjon tagħna. Din trid tkun l-aktar amministrazzjoni li tinvesti għal dan il-għan. Għalhekk se jkunu
allokati €700 miljun għal dawn il-proġetti. Huwa aktar faċli titkellem fuq is-sostenibbiltà milli twettaqha bil-fatti. Dan il-prinċipju jrid iwassalna sabiex nagħrfu nwettqu l-miri li għandha din l-amministrazzjoni biex nilħqu l-mira ta’ newtralità klimatika sal-2050. Hawn irridu nħarsu lejn it-trasport. Nibqgħu bl-ikbar inċentivi għall-flotot elettriċi u nimplimentaw proġetti li
jsostnu t-trasport alternattiv. Fil-kwalità tal-arja, investejna bil-kbir biex neħħejna l-effetti ħżiena tal-produzzjoni tal-enerġija. Issa rridu nibqgħu nsostnu l-enfasi biex innaqqsu l-effetti negattivi tat-trasport. Din mhijiex sempliċement mira jew statistika iżda mezz kif nissalvagwardaw is-saħħa tagħna, il-kwalità tal-arja tagħna u l-ambjent ta’ madwarna. Inkunu wkoll qed ningħaqdu mal-bqija tal-Mediterran
u l-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fis-snin li ġejjin irridu nibdlu fundamentalment il-mod kif noperaw bħala soċjetà. Dak li s’issa nsejħulu skart irridu nibdew narawh bħala riżorsa. Bħala sors alternattiv ta’ enerġija, fost oħrajn. Irridu nneħħu darba għal dejjem l-idea li l-investiment ambjentali m’għandux ritorn ekonomiku. Ir-realtà hija li jekk l-ambjent tagħna mhux se nieħdu ħsiebu, l-ekonomija tagħna ma
tistax tkompli trendi. Il-Gvern se jkun hemm biex isostni dawn il-bidliet. Imma se jkollna bżonn bidla fil-kultura tagħna wkoll. Irridu nifhmu li jekk verament għandna għal qalbna lil uliedna, issa wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni deċiżiva favur l-ambjent. Mhux biss nistennew lil ħaddieħor jieħu d-deċiżjonijiet għalina iżda din il-prijorità ġdida nirriflettuha fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum bħala ċittadini, minn dawk
żgħar sa dawk kbar. Il-Gvern se jibqa’ jkun hemm biex jinċentiva l-għażliet favur l-ambjent. Għal snin twal ħarisna lejn l-art agrikola bħala parti oħra tal-proġett ambjentali tagħna. Hekk hu. Iżda qatt daqs illum ma fhimna l-ħtieġa li mhux biss insalvaw l-art innifisha iżda wkoll ix-xogħol li jsir fuqha
minn idejn il-bidwi Malti, li hu sors ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel. Għalhekk irridu bħala regola nippromwovu aktar il-konsum tal-prodott lokali filwaqt li nipprovdu l-infrastruttura moderna u l-opportunitajiet lil min jipproduċih; kemm lill-bidwi iżda wkoll lis-sajjied hekk kif l-ibħra tagħna huma wkoll sors ta’ ikel. L-ibħra ta’ madwarna huma
wkoll sors ta’ ġid qawwi. L-investiment fis-settur marittimu jrid jarana nisfruttaw il-potenzjal li għandna f’dan is-settur filwaqt li nimminimizzaw l-impatti bħalma se nagħmlu bil-proġetti tax-shore to ship li matul din il-leġiżlatura se nibdew ingawdu l-ewwel riżultati
tagħhom. Din l-Amministrazzjoni ġdida għandha miri ambizzjużi għat-tfal tagħna – ħidma li għandha tagħti garanzija li kull tifel u tifla jkollhom aċċess għall-edukazzjoni kif żviluppat fiż-żmenijiet li qed ngħixu fihom illum fejn it-teknoloġija saret l-għodda prinċipali sabiex uliedna jitgħallmu suġġetti bażiċi bħal-lingwi, il-matematika u x-xjenza. Garanzija biex nilħqu
lit-tfal kollha kmieni kemm jista’ jkun. Dak li t-tfal ma jiksbux fl-ewwel snin tal-edukazzjoni – l-edukazzjoni primarja – se jkun aktar diffiċli għalihom biex jikkumpensaw għalih fis-snin ta’ wara u fl-iskola sekondarja. Għalhekk irridu nistinkaw biex naraw li kull tifel u tifla jirnexxu fl-ewwel snin tal-edukazzjoni – l-edukazzjoni primarja – u naraw li din verament tkun pedament sod biex it-tfal kollha jgħaddu minnha, bl-għodod li għandhom bżonn, sabiex fis-sekondarja jkunu jistgħu jibdew
jagħmlu dawk l-għażliet importanti għall-kumplament tal-perkors edukattiv tagħhom. Garanzija biex it-tfal kollha, hu x’inhu d-dħul tal-familja tagħhom, ikollhom aċċess għall-attivitajiet ekstrakurrikulari – bħall-arti, l-isport u l-kultura – li tant jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal, iżommuhom f’saħħithom, ibegħduhom mill-vizzji u jsaħħu fihom il-valuri li jsawru lil din is-soċjetà. Il-kotba u l-qari huma ingredjent essenzjali ieħor li jagħti lil pajjiżna ċittadini edukati, informati u
ħielsa fil-ħsieb. Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien u jiżdiedu kemm jiżdiedu l-mezzi teknoloġiċi, il-ktieb jibqa’ sors ta’ għerf validu, relevanti u utli għaċ-ċittadini tagħna biex ikollna soċjetà li tifhem, tapprezza u tagħraf li aħna ċittadini ta’ dinja ferm akbar mill-orizzonti ta’ pajjiżna. Biex nifhmu ċ-ċirkostanzi li sawruna, nagħrfu l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu barra minn xtutna u naħdmu aħna wkoll, minkejja ċ-ċokon tagħna, fuq l-isfidi li qed jolqtu lil dan il-pajjiż. Għalhekk se
ninvestu biex uliedna jkollhom aċċess usa’ għal dan sa minn ċkunithom. Il-kwalità tal-ħajja ta’ wliedna tiddependi mis-saħħa tal-familji tagħna. Hemm bżonn nagħmlu dak kollu li huwa fil-kontroll tagħna sabiex naċċertaw irwieħna li uliedna qed igawdu lill-ġenituri tagħhom kemm hemm bżonn u li l-ebda paraventu legali ma jintuża biex
xi wlied jiġu mċaħħda minn xi ġenitur jew ieħor. Hekk ukoll naraw li l-ġenituri, ħafna minnhom jaħdmu, ikollhom kondizzjonijiet tax-xogħol li jippermettulhom jingħaqdu ma’ wliedhom f’mumenti sinifikanti jew sitwazzjonijiet delikati f’ħajjithom. Nemmnu bis-sħiħ fis-sehem attiv taż-żewġ ġenituri fit-trobbija ta’ wliedhom. Irridu naraw li nżidu l-leave tal-paternità minn jumejn
għal għaxart ijiem. B’hekk, fl-aktar mumenti ta’ ferħ, jew fraġli, il-missirijiet jew it-tieni ġenitur ekwivalenti, se jkollhom aktar ħin biex igawdu l-wild ġdid tagħhom u jkunu ta’ sostenn akbar għall-omm u dik it-tarbija f’dak il-perjodu fraġli. Dan il-leave jgħodd ukoll f’każ ta’ addozzjoni, u irrispettivament mill-istat ċivili ta’ dik il-familja. Għal darb’oħra qed nagħtu l-kelma tagħna li se nkunu ta’
spalla għall-familji fl-aktar mument tal-bżonn. Se nintroduċu wkoll il-carers leave biex f’każ ta’ mard, dak li jkun, ikun jista’ jieħu ħamest ijiem leave biex jieħu ħsieb lit-tfal jew xi qarib li jgħix taħt l-istess saqaf. Se nkomplu niddiskutu mal-imsieħba soċjali biex niggarantixxu l-aħjar kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluż l-introduzzjoni tal-parental
leave u d-dritt għar-right to disconnect. Fuq kollox imma, irridu nħarsu lit-tfal u l-adoloxxenti mill-perikli taż-żmenijiet moderni, fosthom is-cyberbullying u nassiguraw li jkunu jafu kif għandhom jagħmlu użu għaqli tal-midja soċjali u l-mezzi teknoloġiċi varji li għandhom għad-disponibbiltà tagħhom. Dan il-pajjiż huwa magħruf għall-għaqal, ir-reżiljenza u l-bżulija tal-ħaddiema tiegħu; l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna. Irridu nsostnu l-kultura tat-tfaddil li dejjem
kellna f’pajjiżna bħala mezz ieħor kif insaħħu lill-familji tagħna. Hekk kif il-Gvern issa għandu l-pjan li jkompli jsaħħaħ ir-riżerva ta’ fondi pubbliċi għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza b’metodi differenti, hekk ukoll irridu ninkoraġġixxu lill-familji tagħna jfaddlu aktar. Familji li jqassmu d-dħul tagħhom b’għaqal, familji li jaħsbu għall-futur sabiex jassiguraw futur tajjeb kemm jista’ jkun għalihom – speċjalment meta jiġu biex jieqfu
jaħdmu u jirtiraw – u għal uliedhom. Lit-tfal tagħna rridu narawhom b’saħħithom u għal din ir-raġuni huwa importanti l-impenn ta’ din l-Amministrazzjoni li nidentifikaw sfidi fiżiċi, intellettwali, soċjali u edukattivi kmieni kemm jista’ jkun. Dan ma jgħoddx biss għat-tfal iżda għal kull faxxa tas-soċjetà tagħna; lil kull wieħed u waħda minna li matul ħajtu jiffaċċja sfidi differenti ta’ saħħa mentali. Inkunu nistgħu ngħidu li s-soċjetà twieżen lil kull min ikollu bżonn meta
nkissru darba għal dejjem l-istigma marbuta mas-saħħa mentali. Meta l-isfidi ta’ saħħa mentali jkunu indirizzati daqs kwalunkwe problema ta’ saħħa oħra, li fuqha ma naħsbuhiex darbtejn sabiex infittxu l-għajnuna mit-tobba tagħna. Is-snin li ġejjin se jkunu kruċjali sabiex pajjiżna jilħaq il-milja tas-servizzi speċjalizzati u b’xejn fil-qasam tas-saħħa mentali, proġetti li jmorru lil hinn minn dak li qatt kellna bħalu s’issa
u jilħaq lil dawk kollha li jkollhom bżonnu. Daqskemm tajna attenzjoni u enerġija biex niġġieldu l-pandemija fl-aħħar sentejn, daqshekk ieħor irridu nagħtu biex niġġieldu din ir-realtà tas-soċjetà llum. Fl-aħħar snin ilħaqna investiment rekord fl-oqsma soċjali. Il-pajjiż investa ammont rekord filwaqt li naqqas id-dipendenza soċjali. Il-Gvern irid jibqa’ jsostni
l-programm soċjali tiegħu u fejn meħtieġ jaġġornah. Iċ-ċifri dwar id-deprivazzjoni materjali u soċjali juru li dawn baqgħu stabbli f’livelli baxxi minkejja l-pandemija u l-effetti tagħha. Dan wara li tul is-snin kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ nies f’dawn is-sitwazzjonijiet. Iżda, il-Gvern jibqa’ impenjat li jwieżen lil kulħadd u lill-iktar sezzjonijiet vulnerabbli fostu. Irridu nibqgħu nsaħħu l-pensjonijiet u s-servizzi għall-anzjani tagħna.
Irridu nħaddmu politika li tinċentiva lill-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. Akkomodazzjoni soċjali u affordabbli hija wkoll element qawwi tal-programm soċjali ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk irridu nlestu l-akbar proġett ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali li jammonta għal 1,700 unit ġdid. Dan, filwaqt li nsostnu skemi li diġà jeżistu, nestenduhom u
naħsbu f’inizjattivi ġodda. Inqisu l-investiment li rridu nagħmlu fis-settur kulturali bħala wieħed kruċjali mhux biss għal dawk li jaħdmu fis-settur, li l-kreattività tagħhom hija kruċjali għal pajjiżna, iżda wkoll għall-identità u l-ħajja soċjali u kulturali tagħna. Irridu li l-kultura f’pajjiżna wkoll tirkupra malajr u tilħaq qċaċet ogħla minn dawk li lħaqna qabel. Il-mira tal-Gvern hija ċara; li aktar persuni u
aktar komunitajiet ikunu esposti għal kultura tal-aqwa livell. Il-kultura hija l-post tax-xogħol ta’ eluf dejjem jikbru ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ekonomija kreattiva. Il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti fihom b’allokazzjoni ta’ iktar fondi inkluż b’inċentivi fiskali. Se nkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ekosistema kulturali ta’ pajjiżna. Se nlestu għalhekk il-Malta International Contemporary Art Space fil-Floriana li se jkun pjattaforma ewlenija għal fejn
tidħol l-arti viżwali imma mhux biss. Ladarba hemm qbil ġenerali li t-Teatru Rjal għandu jissaqqaf u jkollu funzjoni li taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-artisti u l-kreattivi kontemporanji, se naraw li jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex dan il-post jingħata skop bħala ċentru kulturali prominenti fil-Belt Valletta matul is-sena kollha. L-identità tagħna
tissaħħaħ ukoll billi nħarsu t-tradizzjonijiet kulturali ewlenin u l-patrimonju tagħna. Matul din il-leġiżlatura se nagħtu għajnuniet bla preċedent lis-soċjetajiet mużikali Maltin u d-diversi aspetti tal-festa Maltija. Se jitlesew ukoll il-proġetti tal-Palazz tal-Gran Mastru u l-Arkivji Notarili, fost għadd ta’ proġetti oħra. Huwa tajjeb ħafna li nqisu l-isport bħala parti essenzjali minn ħajja b’saħħitha iżda wasal iż-żmien li nimmiraw ogħla hawn
ukoll. Għandna quddiemna okkażjonijiet importanti biex nuru x’kapaċi jagħmel l-atleta Malti. L-invitational games tal-iSpecial Olympics fi ftit jiem oħra se jkunu okkażjoni sabiħa li jpoġġu lil Malta fuq il-mappa sportiva internazzjonali u ta’ inklużività. Imbagħad induru fuq il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’pajjiżna fl-2023 u l-Olimpjadi ta’ Pariġi fl-2024 fejn irridu ninvestu fl-atleti żgħażagħ tagħna biex nagħtuhom l-aqwa opportunità li jikkompetu b’suċċess.
Fuq kollox irridu soċjetà ugwali. Dan il-pajjiż jiftaħar li qiegħed l-ewwel fid-drittijiet ċivili iżda ma jfissirx li l-ħidma tagħna favur l-ugwaljanza tista’ tieqaf f’xi mument. Fost il-prijoritajiet ewlenin hemm dawk li jridu jarawna nagħtu ċans ikbar lil aktar familji biex isiru ġenituri. Għalhekk se jitressqu numru ta’ emendi għal-liġijiet li jirregolaw l-IVF f’pajjiżna bil-prinċipju jibqa’ dejjem dak li noffru tama
akbar lill-aktar ġenituri prospettivi. L-emendi jkunu kkumplimentati bl-investiment meħtieġ biex il-proċess ikun jista’ jsir. L-ugwaljanza fuq kull livell hija waħda mill-valuri li trid tibqa’ tiddistingwina bħala pajjiż. Huwa ta’ sodisfazzjon li qed nibdew din il-leġiżlatura b’parlament
aktar ugwali fejn għandna rappreżentanza femminili iktar b’saħħitha. Dan il-prinċipju rridu neħduh anke f’oqsma oħra, inkluż fil-postijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-boardrooms fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Se nagħmlu dan ukoll b’għadd ta’ inċentivi. Il-Malta li rridu nibdew nibnu fil-ħames snin li ġejjin hija Malta isbaħ, aktar ġusta, aktar dinamika u sostenibbli. Il-prosperità ġdida li qed naspiraw għaliha se jkun hemm min jgħid
li mhijiex fattibbli. Se jkun hemm min jgħid li wara pandemija ma nifilħux inwettqu dawn il-bidliet kollha u li waqt gwerra ma nistgħux inwettqu d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. Imma dan żgur mhuwiex il-mument li nipposponu riformi u bidliet. Anzi għandna nifhmu l-lezzjoni tal-pandemija. Kienu pajjiżi bħal Malta li kienu għamlu riformi kbar qabel seħħet il-pandemija li sabu ruħhom f’pożizzjoni li jirreaġixxu u
jagħmlu tajjeb għall-effetti tal-pandemija. Għalhekk kull sfida trid twassalna biex inwettqu bidliet dejjem aktar kuraġġużi. Huwa biss jekk inkomplu niġġeddu li nibqgħu nkunu pajjiż ta’ suċċess. Flimkien mhux biss għandna l-potenzjal li niksbu l-aspirazzjonijiet kollha tagħna imma li nkomplu ngħollu l-livell ta’ dak li kapaċi nilħqu. Pajjiżna u l-poplu tiegħu għandu futur sabiħ jekk nagħrfu naħdmu għalih. Jiddependi minna lkoll
flimkien. Nirringrazzjakom. L-Onor. Cressida Galea. Sur President, nipproponi dan l-avviż ta’ mozzjoni: Sur President, aħna Membri tal-Kamra tad-Deputati, nirringrazzjawk, kif huwa d-dmir tagħna, għad-diskors li għoġbok ġentilment tagħmel lill-Kamra tad-Deputati fil-Ftuħ tal-Erbatax-il Parlament. Min jissekonda? Nissekonda. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Sur President, nitlob il-permess tal-Kamra sabiex jitressqu
sitt mozzjonijiet mingħajr avviż. Hawn permess? Sur President, nipproponi Illi minkejja kull provvediment ieħor li hemm fl-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, il-mistoqsijiet li jidhru fuq l-aġenda ta’ seduta jistgħu jsiru sa żmien nofs siegħa mill-ħin li fih tkun imsejħa biex tibda s-seduta. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra?
Agreed. Sur President, nipproponi: Illi matul din il-Leġiżlatura: (a) fil-każ tal-assenza inevitabbli tal-Onorevoli Speaker, min dak iż-żmien ikun Deputy Speaker jassumi l-kariga ta’ Speaker bil-poteri u d-doveri kollha li jappartjenu għall-Uffiċċju ta’ Speaker; u (b) fil-każ tal-assenza inevitabbli tal-President tal-Kumitati, il-Viċi President tal-Kumitati jassumi l-kariga ta’ President tal-Kumitati
bil-poteri u d-doveri kollha li jappartjenu għall-Uffiċċju tal-President tal-Kumitati. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Sur President, nipproponi: Illi matul din il-Leġiżlatura, minkejja l-Ordni Permanenti Nru 171 u kull provvediment ieħor fl-Ordnijiet Permanenti: (a) il-Minuti tal-Proċeduri tal-Kamra; u (b) l-Aġenda tas-Seduti tal-Kamra, ikunu jistgħu jsiru
bil-Malti biss. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija
mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Sur President, nipproponi: Illi matul din il-Leġiżlatura l-Ordni Permanenti Nru 173 ikun sospiż; u Illi sakemm iddum din is-sospensjoni l-Ispeaker huwa awtorizzat li safejn jidhirlu possibbli jkun jista’ jagħmel arranġamenti biex ikunu jistgħu jittieħdu d-dibattiti u d-diskussjonijiet kollha tal-Kamra tad-Deputati, u safejn id-dibattiti u d-diskussjonijiet jittieħdu skont dawn l-arranġamenti
għandhom jikkostitwixxu l-ġurnali tal-Kamra tad-Deputati. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk
kontra? Agreed. Sur President, nipproponi Illi matul din il-Leġiżlatura l-Ordni Permanenti Nru. 25 - "L-istess mozzjoni ma tistax terġa’ tiġi proposta fl-istess sessjoni" - u l-Ordni Permanenti Nru. 107 - "L-istess Abbozz ta’ Liġi ma għandux jitressaq darbtejn fl-istess sessjoni" - huma sospiżi, flimkien ma’ kull provvediment ieħor tal-Ordnijiet Permanenti li jmur kontra din is-sospensjoni. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija
l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Sur President, nipproponi: Illi l-Kamra tad-Deputati, Wara li rat l-Ordni Permanenti 120A (i) taħtar il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li skont l-Ordni Permanenti 120C(5) ikun presedut mill-Ispeaker u skont l-Ordni Permanenti 120C(3) ikun kompost minn dawn il-membri: L-Onor. Chris Fearne - Kap tal-Kamra L-Onor.
Andy Ellul L-Onor. Byron Camilleri L-Onor. Robert Cutajar L-Onor. David Agius. B’dan illi kull naħa tal-Kamra jkollha d-dritt għas-sostituzzjoni tal-membri msemmija kif provdut fl-Ordni Permanenti 120C(4). Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija l-Mozzjoni kif imressqa u moqrija mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Il-Ministru Byron Camilleri. Sur President, nitlob il-permess tal-Kamra sabiex inressaq erba’ mozzjonijiet mingħajr
avviż. Hawn permess? Il-Ministru Byron Camilleri. Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, Kap. 420”. dwar il-Protezzjoni Internazzjonali jkun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att Il-Ministru Byron Camilleri. Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ
“Att biex jemenda l-Att dwar l-Immigrazzjoni, Kap. 217”. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija l-Ewwel Darba. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Il-Ministru Byron Camilleri. Sur President, hija li l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar l-Immigrazzjoni jkun moqri nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att li jemenda l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja, Kap. 291”. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’
Liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja jkun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. Il-Ministru Byron Camilleri. Sur President, nipproponi l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “Att li jemenda l-Att dwar il-Condominia, Kap. 398”. dwar il-Condominia jkun moqri l-Ewwel Darba. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed. L-Onor. Min jissekonda? Nissekonda. Il-mistoqsija hija li l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att
Andy Ellul. Sur President, ninforma lill-Kamra li ntlaħaq ftehim li sakemm il-Kamra ma tiddeċidix mod ieħor, limitatament għar-rigward tal-ħin li fih se tiltaqa’ l-Kamra kif ukoll dwar it-tul tad-diskorsi, se jkunu qed jiġu japplikati l-provvedimenti kontenuti fil-Mozzjoni ta’ Proċedura li kienet in vigore fl-aħħar leġiżlatura. Ninforma wkoll lill-Kamra li skont il-provvedimenti tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, nhar it-Tnejn u t-Tlieta mhux se
jkun hemm mistoqsijiet parlamentari fuq l-aġenda. Intlaħaq qbil li l-Kamra se tkun qed tgħaddi mill-ewwel għall-Ordnijiet tal-Ġurnata. L-Onor. Robert Cutajar. Sur President, nikkonferma li hemm dan il-ftehim. Grazzi. Sar il-ħin. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, jekk jogħġbu, jipproponi l-Aġġornament tal-Kamra. Sur President, nipproponi l-Aġġornament tal-Kamra għal nhar it-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2022 fl-4.00 p.m. b’din l-aġenda: Ordnijiet tal-Ġurnata Indirizz
b’risposta għad-diskors tal-President ta’ Malta. Il-mistoqsija hija li l-Kamra taġġorna għal nhar it-Tnejn, 9 ta’ Mejju 2022 fl-4.00 p.m. bl-aġenda kif komunikata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa. Dawk favur? Dawk kontra? Agreed.
